Skip to main content
ArticlesPress Releases

Ġenna ta’ l-Art

By January 21, 2017August 12th, 2022No Comments

Miktuba minn Salvu Mallia

Meta kont ħafna iżgħar, kont nisma’ xi kanzunetta bħal ta’ Celentano ‘Il Ragazzo della Via Gluch’ titkellem fuq il-ġungla tal-konkos li diġa’ kienet bdiet tibla’ l-Italja u t-tħassir ta’ l-ambjent. Naħseb li għax kont għadni baħnan, kont ngħid bejni u bejn ruħi: “Kieku aħna nissaportu ftit, minn hawn u ftit ieħor ikollna xi ħaġa li ħaddieħor kellu u tilifha, u issa kulħadd jibda jiġi biex igawdiha tagħna!”

Min jara l-programm tiegħi Madwarna jaf, li jien lil din il-gżira, imqar stuprata kif inhi u mqaħħba għall-flus, insejħilha ĠENNA TA’ L-ART, u ngħiduha bir-raġun. Għad baqalna rqajja li minkejja t-tentazzjoni u t-tpesis ħelu tal-miljuni, għadhom verġni. Jew kważi, ħa. Għax biċ-ċokon tagħna, kull bidla ċkejkna kemm hi ċkejkna mill-ewwel tinħass, miljun darb’ aktar minn pajjiżi oħra li għandhom kilometri sħaħ ta’ x’jaħlu…..u sadattant, huma wkoll saru għajnejhom beraħ biex ma jkomplux jgħaffġu bl-addoċċ bħal qabel.

Nisimgħu ħafna l-kelma ‘sostenibbli’, buzz word li jkolli ngħid tintuża, aktar biex nuru li aħna moderni għax nafuha, u forsi nitfgħu ftit bżar f’għajnejn dawk il-ksur id-devozzjoni li jwerwirhom il-progress, u li jaqilgħu storja għal kull ħaġa ta’ xejn, u li kien għalihom għadna ngħixu fl-għerien! Dawk l-istess nies li wara li nkunu għaxxaqniha, dejjem nispiċċaw ngħidu li kellhom raġun, u malajr malajr ngħamlu ‘policies’ biex inbenġlu l-ħsara u nakkwistgħu xi vot, għax dawn it-trogloditi qed jiżdiedu mhux ħażin! Kelma li għandha ħabta tinqaras, tiġġebbed u tinbaram u ssib toqob minn mnejn tiżgiċċa aktar mill-ġrieden,u arana noħolqu kull skuża biex inrażżnuha f’isem il-ġid komuni jew il-‘progress’ li jgħammex bis-sejħa ħelwa tas-sireni ta’ Ulisse.

Dan l-aħħar rajt stampa ta’ Malta mill-ajru u jidher ċar li tlett kwarti minnha diġa’ mirdum taħt il-‘progress’ u tkexkixt! Imm’ issa dan mhux biżżejjed lanqas , għax anka għas-sema se nduru bħal Babiloniżi! Torrijiet li se jibdlu għalkollox il-pajsaġġ Malti li tant nitqażżu biħ fil-brochours turistiċi. Dik il-ĠENNA TA’ L-ART  li tħajjar  miljuni ta’ barranin jiġu jqattgħu il-btajjel tagħhom magħna u jżoqqulna l-ekonomija. Imma ngħid jien, nafu x’irridu? Għax jekk qed neqirdu dak li għandna x’inbiegħu, allura għalfejn aktar lukandi għal nies li qed ifittxu xi ĠENNA TA’ L-ART  imqar għal ħmistax? U dawn id-djar kollha mgħobbija fuq xulxin jgħolew lejn is-sema għal min huma maħsuba? Ikolli ngħid għall-barranin mimlija flus li jitħajru jiġu jgħixu f’din il-ĠENNA TA’ L-ART li qed neqirdu?

Dan l-iżvilupp nafu li jġib miegħu ħtiġijiet u problemi ġodda, li meta nħares lejn dak li għadna nħabbtu wiċċna miegħu s’issa, qajla nista’ noqgħod b’moħħi mistrieħ. Barra skart, ilma u enerġija, 4,000 karozza ġdid fit-toroq bil-proġett taż-Żonqor Point, u skond Michael Briguglio, traffiku ġdid ta’ 6,000 karozza kuljum bit-torri propost f’tas-Sliema…. barra li se jħassar żgur l-iskyline tal-Belt Valletta  mill-Cottonera, ħaġa li kulħadd donnu jinsieha!

Iwa ħoj, jiena ukoll naħseb li qabel ma nibdew telgħin ‘l fuq, għandna naħsbuha sew u kif, ma jmurx nieħdu xi sabta bħal Icarus li ra kbir u ma semgħax minn missieru li kien għaref aktar minnu. Dawn il-ftit kilometri ta’ art  huma dak kollu li għandna u li jgħamluna min aħna. Issa l-għażla tagħna jekk din il-gżira tibqax il-ĠENNA TA’ L-ART li tant niftaħru biha, jew il-ĠENNA TAL-BOLOH li sab ruħu fiha is-sultan Midas u spiċċa biex tilef mhux biss il-qgħaleb, imma saħansitra l-ġbejna li nbidlet f’deheb li baqagħlu fuq l-istonku!!!

Leave a Reply